L-atleta Malti Dillon Cassar, qasam ħsibijiet sinċieri wara tellieqa li ma marritx kif xtaq, iżda li fl-istess ħin ġiegħlitu jirrifletti fuq kemm irnexxielu jikseb.
Dillon spjega, li l-aktar li ddiżappuntah ma kienx ir-riżultat innifsu, iżda l-fatt li fil-jiem ta’ qabel it-tellieqa, kien qed ibati minn mard. Minkejja dan, ma qatax qalbu u ddeċieda li jitla’ fuq il-linja tat-tluq u jagħti dak kollu li kellu. Għalih, li jilbes il-flokk nazzjonali jibqa’ unur li dejjem se jilbes bi kburija.
Wara t-tellieqa, Dillon ħares lura lejn is-snin ta’ taħriġ, is-sagrifiċċji, l-għodwiet kmieni u l-intoppi li sawruh fl-atleta li hu llum. Fakkar kif żmien ilu, 69 minuta kienet rekord nazzjonali għalih, filwaqt li llum, f’ġurnata diffiċli, l-istess ħin jista’ jħallih diżappuntat.
Iżda fost kollox, Dillon esprima gratitudni lejn missieru li hu anke l-kowċ tiegħu, lejn il-familja tal-appoġġ, l-isponsors u kull min jemmen fih.
Il-messaġġ tiegħu lill-atleti kollha huwa wieħed ċar: riżultat wieħed ħażin qatt m’għandu jġiegħlek tinsa kemm irnexxilek tikseb fil-passat, għax anke fl-agħar jiem, il-kuraġġ li tibqa’ tipprova u ma taqtax qalbek huwa rebħa fih innifsu.
Facebook/Dillon Cassar