Ifakkru Ħames Suldati U Żewġ Pulizija Li Tilfu Ħajjithom Fi Splużjoni Fil-Baħar 42 Sena Ilu

Ilbieraħ il-Forzi Armati ta' Malta fakkru l-memorja ta' ħames suldati u żewġ uffiċjali tal-pulizija Maltin li tilfu ħajjithom traġikament minħabba splużjoni li seħħet fuq il-baħar, proprju bħall-bieraħ 42 sena ilu.

Fis-7 ta' Settembru tal-1984, xi pulizija u suldati Maltin kienu jinsabu fuq il-baħar xi tlett kilometri 'l bogħod mill-kosta Għawdxija, sabiex hemmhekk jarmu xi logħob tan-nar li kien ġie kkonfiskat mill-inħawi ta' Ħaż-Żabbar jum qabel.

Fid-daqqa u l-ħin, seħħet xi splużjoni fuq id-dgħajsa li serqet il-ħajja ta' ħames suldati u żewġ pulizija Maltin li kienu abbord. Ir-raġuni preċiża għalfejn seħħet l-isplużjoni baqgħet mhux magħrufa, iżda hu maħsub li seħħet meta xrara, ikkawżata mill-għeluq ta' bokkaport, xegħlet il-logħob tan-nar li kien hemm fuq id-dgħajsa.

Sabiex jonoraw il-memorja ta' dawn is-seba' vittmi, ilbieraħ l-Iskawdra Marittima tal-Forzi Armati ta' Malta organizzat ċeremonja solenni ġewwa l-Furjana li bdiet b'quddiesa solenni u ntemmet bit-tqegħid tal-kuruni u xi mumenti ta' riflessjoni.

Il-vittmi ta' din it-traġedja kienu l-Bumbardier Joseph Pace ta' 36 sena, il-Gunner William Simpson ta' 36 sena, is-suldat Anthony Vella ta' 20 sena, il-Bombardier Francis Borg ta' 36 sena, is-suldat Anthony Farrugia ta' 27 sena, is-Surġent tal-Pulizija Saviour Muscat ta' 30 sena, u l-kuntistabbli Joseph Hare ta' 24 sena.

Jistrieħu fis-sliem.

Ritratti:

Facebook / Il-Forzi Armati ta’ Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI