Bejn l-10 u t-12 ta’ Settembru, il-Belt Valletta se tilqa’ l-ewwel edizzjoni tal-Valletta Guitar Festival, festival ġdid li se jiġbor flimkien artisti lokali u internazzjonali għal tliet iljieli ta’ mużika fit-Teatru Manoel u Pjazza Teatru Rjal. Il-festival, organizzat minn Festivals Malta taħt id-direzzjoni artistika ta’ Simon Schembri, se jiċċelebra l-kitarra f’diversi stili mużikali, fosthom il-klassiku, il-jazz, it-tango, il-gypsy swing u l-mużika Brażiljana.
Il-programm jiftaħ il-Ħamis 10 ta’ Settembru fis-19:30 fit-Teatru Manoel b’The Extraordinary Guitar Night, bis-sehem ta’ Rudi Flores, Sébastien Giniaux, Franco Luciani, Quatuor Éclisses, Yamandu Costa, Sandro Zerafa u Vincent Bourgeyx. L-għada, il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru fit-20:00, Pjazza Teatru Rjal se tilqa’ Yamandu Brasileiro: Encounters in Latin Guitar, immexxi mill-kitarrist Brażiljan Yamandu Costa. Flimkien miegħu se jkun hemm João Pita, Fernando Dalcin, Luciano Maia u Carlos Cesar Motta, f’serata ddedikata għal ritmi u ħsejjes mill-Brażil.
Il-festival jasal fi tmiemu s-Sibt 12 ta’ Settembru fit-20:30 fit-Teatru Manoel b’The Final Symphonic Concert. Quatuor Éclisses se jingħaqdu mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għal programm li jinkludi l-Concierto Andaluz ta’ Joaquín Rodrigo għal erba’ kitarri u orkestra, kif ukoll xogħlijiet ta’ Albéniz, Bizet u Chabrier. Minbarra l-kunċerti, il-festival jinkludi wkoll workshops fil-jazz guitar, classical guitar, tango u gypsy swing fil-Malta Society of Arts. Il-postijiet kollha għal dawn il-workshops diġà ttieħdu, sinjal tal-interess li qajjem dan il-festival fost il-mużiċisti u l-istudenti lokali.
Il-biljetti għat-tliet kunċerti jinsabu għall-bejgħ mis-sit uffiċjali ta’ Festivals Malta.