Il-festa tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar kompliet tieħu forma spettakolari hekk kif waqt il-marċ tal-Ħamis ġiet ippreżentata installazzjoni artistika ġdida li ġibdet l-attenzjoni ta’ dawk preżenti.
L-installazzjoni tikkonsisti f’umbrella tradizzjonali kbira, maħluqa apposta għall-okkażjoni u li issa saret parti oħra mill-atmosfera unika tal-festa Żabbarija. Fuqha hemm impittra ġrajjiet li jmorru lura għall-Assedju l-Kbir, kif ukoll hemm ukoll muri l-inkurunazzjoni ta' 75 sena ilu, l-istellarju ta' 25 sena ilu u l-warda tad-deheb ta' din is-sena.
Il-proġett ġie realizzat fl-okkażjoni tal-75 anniversarju mill-Inkurunazzjoni Solenni tax-Xbieha tal-Madonna tal-Grazzja, il-Patruna tas-Soċjetà Filarmonica Maria Mater Gratiæ ta’ Ħaż-Żabbar.
Id-disinn u l-pitturi huma xogħol l-artist Adonai Camilleri Cauchi, filwaqt li l-istruttura nħadmet minn Ryan Stivala u David Borg.
Ta’ min jinnota wkoll li dan il-proġett ma kienx biss xogħol artistiku, iżda riżultat tal-impenn taż-żgħażagħ tas-soċjetà flimkien ma’ diversi voluntiera li taw il-kontribut tagħhom.
Umbrella li mhux biss tkompli żżejjen il-festa, iżda tfakkar ukoll f’okkażjoni importanti għall-komunità Żabbarija.
Facebook/Società Filarmonica Maria Mater Gratiae Żabbar AD 1883