Id-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi sellmet il-memorja għażiża tat-Tabib Carmel Vella, li għal bosta snin offra s-servizzi tiegħu b’mod volontarju lir-residenti tad-Dar.
It-Tabib Vella beda jservi bħala tabib privat tal-familja fl-1977, iżda fl-istess sena beda jagħti wkoll mill-ħin u mill-għarfien tiegħu lid-Dar tal-Providenza. Il-ħidma tiegħu ma baqgħetx inosservata, tant li fit-13 ta’ Mejju 2001 ingħata l-Premju Mons. Mikiel Azzopardi bħala rikonoxximent għas-servizzi mediċi tiegħu.
F’ħajtu, huwa kien ukoll qrib Mons. Mikiel Azzopardi, fundatur tad-Dar, u assistieh fl-aħħar jiem ta’ ħajtu, filwaqt li kien miegħu fil-mument tal-mewt tiegħu fit-13 ta’ Mejju 1987. Imwieled fis-26 ta’ April 1939, u gradwat tabib mill-Università ta’ Malta fl-1964, it-Tabib Vella kien involut f’diversi oqsma tas-servizz mediku.
Id-Dar tal-Providenza wasslet il-kondoljanzi tagħha lil martu Gillian, lil uliedu Adrian, Mark u Roseanne, u lill-familjari kollha.
Facebook/Dar Tal-Providenza Siggiewi