“Li Ddaħħal Kelb F’Ħajtek Hija Għażla. Qabel Tieħu D-Deċiżjoni, Trid Taħseb Lil Hinn Mill-Eċitament Tal-Ewwel ġranet” – Vuċi Għall-Annimali

Il-paġna tal-Facebook Vuċi Għall-Annimali kitbet messaġġ tajjeb ħafna għal dawk li jkunu qed jitħajru jġibu annimal id-dar.

“Li ddaħħal kelb f’ħajtek hija għażla,” huma kitbu. “Din mhix sitwazzjoni fejn, pereżempju, ħriġt tqila bla ma kont qed tistenna u f’daqqa waħda kellek tadatta ħajtek kollha biex trabbi tarbija. Kelb ħadd ma jimponih fuqek. Int tagħżel li ġġibu d-dar. Int tagħżel li tagħmlu parti mill-familja tiegħek.”

“U għalhekk, qabel tieħu dik id-deċiżjoni, trid taħseb lil hinn mill-eċitament tal-ewwel ġranet. Tiflaħ għall-ikel, il-veterinarju, il-mediċini u emerġenzi? Għandek ħin għall-mixjiet, it-taħriġ u l-kura li għandu bżonn kuljum? X’jiġri jekk tmur tgħix post ieħor? Jekk ikollok tarbija? Jekk tintemm relazzjoni? Jekk titlef ix-xogħol? Jekk il-kelb jiżviluppa problemi ta’ mġiba? Jekk jimrad u f’daqqa waħda jkollok spejjeż ta’ mijiet jew eluf ta’ ewro? U jekk jiġrilek xi ħaġa lilek, min se jieħu ħsiebu?”

Huma komplew jgħidu, “Naturalment jeżistu ċirkostanzi ġenwini fejn persuna verament ma jkollhiex għażla oħra ħlief li ssib dar oħra għall-kelb tagħha. Il-ħajja kultant tinbidel b’modi li ma nkunux nistgħu nbassru. Imma mijiet ta’ klieb li llum jinsabu fix-shelters, fil-pounds u għand fosterers ma jistgħux kollha jkunu hemm minħabba ċirkostanzi inevitabbli. Wisq klieb qed iħallsu l-prezz ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu mingħajr ma wieħed ħaseb biżżejjed fit-tul.”

“Kelb mhux xiri impulsiv. Mhux rigal għax it-tfal ilhom jitolbu wieħed. U mhux xi ħaġa li żżomm biss sakemm il-ħajja tibqa’ konvenjenti għalik. Qabel iġġib kelb, tistaqsix biss: ‘Nixtieq kelb? Staqsi lilek innifsek: ‘Jien lest/a nkun responsabbli għal dan il-kelb għall-10, 15 jew saħansitra 20 sena li ġejjin — anke jekk ħajti tinbidel?’ Għax meta tagħżel kelb, tkun qed tagħżel ukoll l-impenn li jiġi miegħu.”

Ritratti:

Facebook / Vuċi Għall-Annimali

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI