Kisba mill-isbaħ għaż-żagħżugħa Maltija Chloe’ Titley, li ta’ 13-il sena biss irnexxielha tirbaħ il-Grand Prix fl-International Contest Festival “Golden Rose”, li sar f’Pärnu, l-Estonja, bejn il-11 u l-14 ta’ Settembru. Dak li jagħmel din il-kisba aktar speċjali huwa l-fatt li Chloe’, li għadha kemm għalqet 13-il sena, ikkompetiet fis-sezzjoni tal-kbar u xorta waħda rnexxielha tikseb l-ogħla unur tal-festival.
Fuq il-palk, Chloe’ interpretat il-kanzunetta I Have Nothing ta’ Whitney Houston, kanzunetta magħrufa għall-isfida vokali tagħha. L-interpretazzjoni tagħha wasslitha biex tingħata l-Grand Prix u toħroġ rebbieħa assoluta tal-kompetizzjoni. Wara din il-kisba kien hemm ukoll ħafna xogħol u preparazzjoni. Ingħata ringrazzjament speċjali lill-vocal coach tagħha, Jane Pace, għall-gwida, id-dedikazzjoni, l-inkoraġġiment u l-appoġġ tagħha matul il-preparazzjoni ta’ Chloe’ għal din l-esperjenza internazzjonali.
Ir-ringrazzjamenti marru wkoll lejn Endla Murd, id-Direttriċi tal-festival, għall-organizzazzjoni tal-avveniment u għall-opportunità li artisti żgħażagħ u b’talent jingħataw spazju biex juru l-kapaċitajiet tagħhom fuq palk internazzjonali. Bla dubju, din hija kisba importanti ħafna għal Chloe’, speċjalment f’età daqshekk żgħira, u mument ieħor ta’ kburija għat-talent Malti barra minn xtutna.
Prosit mill-qalb, Chloe’!