Il-paġna Ella’s Endless Battle qasmet aġġornament dwar il-vjaġġ ta’ Ella fir-Renju Unit, fejn għaddiet minn programm ta’ terapija intensiva bil-għan li tkompli ssaħħaħ il-mobilità u l-indipendenza tagħha. Ella spjegat li l-esperjenza ma kienet faċli xejn u kienet tirrikjedi ħafna sforz u determinazzjoni. Fost l-akbar sfidi li kellha kien hemm dik li titla’ erba’ sulari, għaxar darbiet kuljum.
“Kienet iebsa ħafna, iżda ħdimt tassew iebes u għamilt ħafna passi ’l quddiem,” qalet. Ella żiedet li rat titjib f’daharha u qed tħossha ħafna aħjar, iżda taf li trid tkompli taħdem biex issaħħaħ il-mobilità tagħha.
Matul iż-żjara fir-Renju Unit, Ella kellha wkoll konsultazzjoni mat-tabib tagħha fil-Great Ormond Street Hospital, fejn ingħatat aħbar pożittiva dwar il-progress li qed tagħmel. It-tabib qalilha li l-mobilità tagħha qed titjieb, filwaqt li ħeġġiġha tkompli taħdem kemm fuqha kif ukoll fuq id-diffikultajiet fit-tagħlim, bil-għan li tikseb aktar indipendenza.
Ella għandha l-ħsieb li matul din is-sena u s-sena d-dieħla tkompli taħdem fuq is-saħħa, il-mobilità u t-tagħlim tagħha. “Mhux se naqta’ qalbi. Bl-ebda mod!” saħqet Ella, filwaqt li rringrazzjat lil kull min qed ikompli jappoġġjaha tul dan il-vjaġġ.
Hija appellat ukoll għat-talb u għall-għajnuna finanzjarja biex tkun tista’ tkompli bit-terapiji tagħha. “Dan il-vjaġġ mhux faċli, iżda se nibqa’ niġġieled, nitgħallem, nimxi ’l quddiem u nemmen. Jista’ jkun li jkolli naħdem aktar minn oħrajn, iżda qatt mhu se nieqaf nipprova,” temmet tgħid.
Facebook / Ella’s Endless Battle