Illum Huwa L-Jum Dinji Ta’ Għarfien Dwar Il-Limfoma – Taf X’Inhuma S-Sintomi?

Illum, 15 ta’ Settembru, madwar id-dinja jitfakkar il-World Lymphoma Awareness Day, jum iddedikat biex iqajjem aktar għarfien dwar il-limfoma u biex juri solidarjetà mal-persuni u l-familji milquta minn dan il-grupp ta’ kanċers tad-demm.

Il-limfoma taffettwa s-sistema limfatika, li hija parti importanti mis-sistema immunitarja tal-ġisem. Hemm diversi tipi ta’ limfoma, iżda b’mod ġenerali dawn jinqasmu f’żewġ kategoriji ewlenin: Hodgkin lymphoma u non-Hodgkin lymphoma.

Fost is-sinjali li wieħed għandu jkun konxju tagħhom hemm lymph nodes minfuħin, partikolarment fl-għonq, taħt l-abt jew fil-groin, kif ukoll għeja persistenti, deni mingħajr spjegazzjoni, għaraq qawwi matul il-lejl u telf ta’ piż mhux intenzjonat. Dawn is-sintomi jistgħu jkunu kkawżati minn ħafna kundizzjonijiet oħra u mhux bilfors jindikaw limfoma, iżda jekk jippersistu huwa importanti li wieħed jitkellem ma’ tabib.

It-tema tal-World Lymphoma Awareness Day 2026 hija “Navigating Lymphoma and CLL Together”. Il-kampanja ta’ din is-sena qed tiffoka fuq l-isfidi li jistgħu jiltaqgħu magħhom il-pazjenti tul id-dijanjosi, it-trattament u l-ħajja wara l-kanċer, filwaqt li tenfasizza l-importanza tal-informazzjoni u l-appoġġ f’kull stadju tal-vjaġġ.

Wieħed mill-messaġġi ewlenin tal-kampanja huwa li l-ebda pazjent m’għandu jgħaddi minn dan il-vjaġġ waħdu. Il-Lymphoma Coalition qed tħeġġeġ lill-pazjenti, lill-familji, lill-professjonisti tas-saħħa u lill-komunitajiet biex jitkellmu aktar dwar l-esperjenzi tagħhom u jgħinu lil dawk li għaddejjin minn sitwazzjonijiet simili jħossuhom mifhuma u appoġġjati.

Il-World Lymphoma Awareness Day ilu jiġi mfakkar mill-2004, u sena wara sena jibqa’ opportunità importanti biex aktar nies isiru jafu bis-sinjali tal-limfoma u, fuq kollox, biex tingħata vuċi u appoġġ lil dawk kollha li qed jgħixu b’din il-marda.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI