Żvilupp importanti fis-settur tat-telekomunikazzjoni f’Malta hekk kif Melita daħlet fi ftehim biex takkwista Epic Communications mingħand Monaco Telecom. Iż-żewġ kumpaniji ħabbru l-ftehim propost illum, l-Erbgħa, u spjegaw li l-għaqda mistennija toħloq operatur akbar li jiġbor flimkien servizzi fissi u mobbli. Skont il-kumpaniji, dan għandu jipprovdi aktar kapaċità biex isir investiment fl-infrastruttura diġitali ta’ Malta.
Melita u Epic qalu li l-għaqda tan-networks tagħhom tista’ twassal għal investiment aktar mgħaġġel f’infrastruttura tal-ġenerazzjoni li jmiss, gigabit speeds, aktar reżiljenza fin-networks u titjib fis-cybersecurity, bil-għan li jissaħħu l-kopertura u l-kwalità tas-servizzi għall-konsumaturi u n-negozji.
“Fil-qalba ta’ dan il-ftehim hemm l-investiment fil-konnettività li Malta tiddependi fuqha,” qal il-Kap Eżekuttiv ta’ Melita, Harald Roesch. Hu spjega li Malta teħtieġ investiment serju u kontinwu fl-infrastruttura diġitali tagħha u sostna li għal operaturi iżgħar jista’ jkun aktar diffiċli li jiffinanzjaw dan l-investiment waħedhom.
Madankollu, importanti jiġi enfasizzat li l-akkwist għadu ma ġiex konkluż. Il-ftehim għadu suġġett għall-approvazzjonijiet meħtieġa mill-awtoritajiet regolatorji u tal-kompetizzjoni.
Sakemm jintemm dan il-proċess, Melita u Epic se jibqgħu joperaw u jikkompetu bħala żewġ kumpaniji separati. Għalissa, għalhekk, mhux se jkun hemm tibdil immedjat għall-klijenti jew għall-impjegati.
Melita ilha topera f’Malta mill-1992 u llum hija appoġġjata minn Infrastructure at Goldman Sachs Alternatives. Epic, li qabel kienet Vodafone Malta, ilha proprjetà ta’ Monaco Telecom mill-2020.
Żvilupp li żgur se jkun qed jiġi segwit mill-qrib fix-xhur li ġejjin, hekk kif il-ftehim jgħaddi mill-proċess regolatorju meħtieġ.