Il-Kelma Li Ma Tgħidx – Dramm Ġdid U Intens Li Jitratta S-Suġġett Tabù Tal-Vjolenza Sesswali Fuq L-Irġiel

Produzzjoni teatrali ġdida bil-Malti se tkun qed titratta tema li għadha meqjusa bħala waħda sensittiva u li mhux dejjem tingħata vuċi fis-soċjetà, il-vjolenza sesswali fuq l-irġiel u l-effetti emozzjonali u psikoloġiċi li tista’ tħalli fuq il-vittmi.

Il-Kelma li ma Tgħidx, b’kitba ta’ Dr Tyrone Grima u direzzjoni ta’ Josue Formosa, se tittella’ fi Spazju Kreattiv bejn is-16 u l-25 ta’ Ottubru 2026. L-istorja ssegwi lil Liam Falzon, student tal-mużika ta’ 16-il sena li jsir vittma ta’ vjolenza sesswali. Il-każ jasal għand l-Ispettur Rose Darmanin, li tkun determinata li ssir ġustizzja, iżda mal-progress tal-investigazzjoni ssib ruħha quddiem każ dejjem aktar kumpless.

Hekk kif il-kobba mħabbla tibda tinħall, kull biċċa ġdida ta’ informazzjoni twassal għal aktar mistoqsijiet milli tweġibiet. Fl-istess waqt, kemm Liam kif ukoll Rose jispiċċaw taħt pressjoni psikoloġika qawwija, hekk kif il-passat u l-konsegwenzi tiegħu jibdew jinfluwenzaw dak li jkun qed jiġri fil-preżent.

Il-produzzjoni, li hija ispirata minn ġrajjiet veri, għandha l-għan li titfa’ dawl fuq realtà li ħafna drabi tibqa’ mistura fis-skiet, fosthom it-trawma li tista’ ssegwi l-vjolenza sesswali u d-diffikultajiet li vittmi rġiel jistgħu jiffaċċjaw meta jiġu biex jitkellmu dwar dak li jkunu għaddew minnu.

Il-produttur tal-proġett huwa Luke Andre Camilleri, filwaqt li l-kast jinkludi lil Benjamin Abela, James Azzopardi Meli, Aidan Aquilina, Kim Dalli, Ryan Mark De Battista u Kyle Mangani. Il-Kelma li ma Tgħidx qed tittella’ bl-appoġġ u l-kollaborazzjoni ta’ diversi entitajiet kulturali, soċjali u kummerċjali, fosthom Arts Council Malta, Spazju Kreattiv, VisitMalta, Victim Support Malta u l-Valletta Cultural Agency.

Ir-rappreżentazzjonijiet se jsiru bejn il-Ġimgħa 16 u l-Ħadd 25 ta’ Ottubru fi Spazju Kreattiv, fil-Belt Valletta. Waqt ir-rappreżentazzjonijiet tas-Sibt 17 u 24 ta’ Ottubru se jkunu disponibbli wkoll surtitli bl-Ingliż. Il-produzzjoni hija indikata għal udjenza ta’ 16-il sena ’l fuq u tinkludi xeni ta’ nudità, kif ukoll temi sensittivi marbuta mal-vjolenza sesswali u t-trawma.

Il-biljetti għal Il-Kelma li ma Tgħidx huma diġà għall-bejgħ permezz ta’ Spazju Kreattiv.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI