Aħbar mill-isbaħ għall-kantant Bahjat hekk kif il-kanzunetta tiegħu Haya Ħdejja għadha kemm iddebuttat fit-Top 10 taċ-charts uffiċjali ta’ YouTube fil-Belġju. Dan is-suċċess wasal wara li xxandar programm televiżiv Belġjan li fih ġiet żvelata l-istorja kollha wara l-kanzunetta u l-misteru li kien inħoloq madwar il-karattru ta’ “Neïf”.
Issa ġie żvelat li Haya Ħdejja nħolqot bħala parti minn sfida mal-personalità televiżiva Belġjana Fien Germijns. Hi kienet ġiet Malta bil-moħbi taħt l-identità ta’ “Neïf” sabiex taħdem ma’ Bahjat fuq dan il-proġett. Il-karattru misterjuż kien qajjem kurżità fost il-pubbliku Malti waqt il-promozzjoni tal-kanzunetta, b’“Neïf” tidher f’diversi filmati u kontenut ma’ personalitajiet lokali, fosthom Valentina Rossi, Ian Busuttil Naudi u The Briefcase Man.
Wara li xxandar il-programm, il-pubbliku seta’ finalment jiskopri min kien hemm wara “Neïf” u kif twieldet il-kollaborazzjoni ma’ Bahjat. Il-kanzunetta finali, flimkien mal-istorja ta’ Bahjat, ingħataw spazju importanti fil-programm Belġjan. Matul l-episodju ntwerew ukoll diversi filmati miġbuda madwar Malta, li poġġew fil-qalba tal-programm il-pajsaġġi, il-kultura u l-identità Maltija quddiem udjenza ta’ madwar miljun telespettatur.

U jidher li l-espożizzjoni diġà ħalliet il-frott tagħha, hekk kif Haya Ħdejja daħlet direttament mal-ewwel għaxar kanzunetti fiċ-chart uffiċjali ta’ YouTube fil-Belġju. Prosit lil Bahjat għal dan ir-riżultat u għall-opportunità li permezz tal-mużika tiegħu wassal ukoll ftit minn Malta għand udjenza internazzjonali!
Facebook / Bahjat