Clyde Puli qasam messaġġ mill-qalb hekk kif ħabbar il-mewt taz-zija tiegħu Carmen, oħt ommu, u fakkar b’għożża f’numru ta’ memorji li baqgħu miegħu minn tfulitu.
Huwa ddeskriviha bħala mara tal-punt u ta’ qalb tajba, filwaqt li fakkar fil-ħin li kien iqatta’ għandha meta kien għadu tifel. Fost il-memorji li semma' kien hemm is-Sibtijiet wara nofsinhar, meta kienu jieklu l-imqarrun jew ir-ravjul biz-zalza, segwiti minn kikkra te u xi ħaġa ħelwa. Fakkar ukoll fil-ġranet li kienu jqattgħu jilagħbu mal-kuġini fuq il-bankina ħdejn il-Knisja ta’ San Bastjan, filwaqt li z-zija Carmen kienet iżżomm għajnejha fuqhom u twissihom jekk jiżgarraw.
Clyde qal li matul is-snin dejjem sab fiha “ħajt tal-kenn” u li baqgħet tappoġġjah anke meta kiber, fosthom billi tattendi l-attivitajiet tiegħu u turih kemm kienet kburija bih. “Mur strieħ fis-sliem zi u gawdi lin-nanniet u lil ħutek fil-ħajja eterna,” temm il-messaġġ tiegħu.
Kondoljanzi lill-familja u lill-qraba kollha tagħha f’dan il-mument diffiċli. Strieħ fis-sliem, Carmen.
Facebook/ Clyde Puli