Is-sħab jaf joħloq xenarju mill-isbaħ fis-sema u wieħed mill-aktar fenomeni li jiġbed l-għajn huwa dak magħruf bħala shelf cloud. Imma din is-sħaba kif tifforma?
Maltese Islands Weather spjegaw li shelf cloud tifforma fuq in-naħa ta’ quddiem ta’ maltempata bir-ragħad. Dan iseħħ meta arja kiesħa li tkun nieżla mill-maltempata tinfirex ’il barra u timbotta ’l fuq l-arja sħuna u umda li jkun hemm quddiemha.
Hekk kif l-arja sħuna titla’ ’l fuq u tibda tiksaħ, il-fwar tal-ilma jikkondensa u b’hekk tifforma din is-sħaba baxxa u spettakolari.
Is-shelf cloud ħafna drabi tkun marbuta mal-gust front ta’ maltempata, u għalhekk il-wasla tagħha tista’ tkun akkumpanjata minn żieda f’daqqa fir-riħ, xita qawwija u xi kultant anke silġ.
Facebook/ Maltese Islands Weather & Pexels