Kultant progress żgħir jista’ jfisser ħafna aktar milli wieħed jasal jaħseb. Dan huwa l-messaġġ sabiħ li twassal il-paġna Kate: Writing My Story f'messaġġ li għaddiet fejn fakkret fl-importanza li t-tfal kollha għandhom jingħataw iċ-ċans jippruvaw.
Fil-messaġġ jingħad li xi tfal jistgħu jkollhom bżonn aktar ħin jew aktar għajnuna minn oħrajn. Jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jippruvaw darba, darbtejn jew saħansitra mitt darba qabel jirnexxilhom iżda kull tentattiv xorta waħda għandu l-valur tiegħu.
Kull darba li tifel jipprova, ikun qed jitgħallem aktar dwar kif jaħdem ġismu, il-kapaċitajiet tiegħu u dak li jista’ jikseb. Il-progress, wara kollox, mhux dejjem ikun pass kbir. Xi kultant jista’ jkun li wieħed jirnexxilu joqgħod bilwieqfa għal ftit sekondi oħra, imexxi sieq waħda, isib aktar bilanċ jew kemm biss jikseb il-kuraġġ biex jerġa’ jipprova.
Il-messaġġ iħeġġeġ ukoll lill-adulti biex ma jagħmlux kollox huma biex ikun aktar faċli jew malajr. Minflok, it-tfal għandhom jingħataw il-ħin, l-appoġġ u l-fiduċja meħtieġa biex jiskopru huma stess dak li kapaċi jagħmlu.
Facebook/ Kate: writing my story