Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħha, Marouska Pisani Bugeja qasmet messaġġ importanti li dejjem isir aktar relevanti fid-dinja li qed ngħixu fiha llum.
Qalet, “Dan hu Dettembru speċjali għalija - 25 sena ilu missejt mad-dinja tax-xandir. Dinja li nbidlet ħafna minn dakinhar. Dinja li laqqatni ma ħafna esperjenzi li l-isbaħ fosthom jibqgħu dejjem l-istejjer umani. Nkun qed nonqos jekk ma ngħaddix riflessjoni li ħierġa minn qalbi. Bħal llum ġimgħa tibda skeda ġdida, bi programmi ġodda u oħrajn eżistenti.”
Żiedet, “Appell ġenwin lil ġurnalisti, reporters, kmamar tal-aħbarijiet, preżentaturi u l-kumpaniji ta' produzzjoni kollha. Aħna nġorru kollha responsabbiltà li nwasslu aħbar ġenwina, aħbar veritiera, aħbar ivverifikata u kontenut riċerkat. L-udjenzi tagħna jarawna bħala sors ta' informazzjoni. Mela ejja nagħmlu dan b'responsabbiltà, ejja naraw li l-lingwaġġ tagħna jkun denju, li l-imġieba tagħna tkun xierqa. L-ebda kamera jew popolarita ma ttik id-dritt li tħossok superjuri għal ħadd li tfajjar bl-adoċċ u tattakka personali.”
Qalet ukoll, “Ejja nibżgħu għal xulxin u għas-settur li tant inħobbu għax min jużha dak li tant ħadna żmien biex bnejna għal gwadan personali jew il-likes ikun biss qed ikisser dan is-settur li tant għadu b' saħħtu f' pajjiżna. Fl-aħħar nett awguri lil kull min b'xi mod jew ieħor għandu l-aħħar ftit jiem ta' ġenn sabiex itella l-aħjar produzzjoni possibbli.”