“Kif ma tgħajjewx titgħajru fuq Facebook?” – mistoqsija li qajjem Clifford Galea f’messaġġ li jġiegħlek tieqaf u taħseb dwar kemm-il darba l-enerġija tagħna tinħela f’argumenti u kliem, li fl-aħħar mill-aħħar, ma jwasslu għal xejn.
Galea stqarr, li jibqa’ jħares lejn dawn is-sitwazzjonijiet u jistaqsi fejn qed tinħela l-enerġija, speċjalment meta mbagħad nitkellmu dwar is-saħħa mentali.
F’soċjetà fejn kelma fuq Facebook tista’ twassal għal diskussjoni sħuna, għaliex ma nippruvawx inkunu aktar umani ma’ xulxin? Min jgħajjar lil min, min jinsulenta lil min… forsi wasal iż-żmien li minflok niktbu kumment wara ieħor, noqogħdu bilqiegħda, nieħdu kafè u nitkellmu.
Fil-fatt, messaġġ jasal bis-sewwa mhux bil-ħafna emojis u kliem vojt. Kultant, ftit rispett u konversazzjoni wiċċ imb wiċċ jistgħu jagħmlu aktar minn mitt kumment fuq l-internet.
L-isbaħ messaġġ jinsab fl-aħħar kliem tiegħu: “Kemm jien kuntent li jien differenti!", għax li tkun differenti ma jfissirx li trid tkun kontra ħaddieħor. Ifisser li tagħżel li ma titlifx l-umanità tiegħek f’baħar ta’ kliem.
Facebook/Clifford Galea