Minn nhar it-Tnejn, l-iskrin se jimtela’ b’futbol, intriċċi u stejjer li żgur se jġiegħlu lil ħafna jibdew jistaqsu: x’hemm moħbi wara l-logħba?
“Xutt u Gowl” hija d-drama l-ġdida li se tibda tixxandar fuq ONE fit-8:30pm, b’ħarsa lejn il-ħajja f’Ħal Birkun u l-klabb tal-futbol tar-raħal, iżda hawnhekk il-futbol huwa ferm aktar minn sempliċi sport.
Fil-grawnd insibu plejers b’ħajjiet differenti, kull wieħed iġorr miegħu l-ġlidiet, il-problemi u s-sigrieti tiegħu. L-istorja twassalna wkoll fil-qalba tal-amministrazzjoni tal-futbol Malti, fejn il-poter, l-interessi personali u d-deċiżjonijiet jistgħu jħallu impatt fuq ħafna aktar minn logħba waħda.
Imbagħad hemm il-klabb innifsu, flimkien ma’ min għandu interess qawwi fih. Hekk kif l-episodji jibdew jiżviluppaw, il-konnessjonijiet bejn il-karattri se jsiru aktar ċari... u s-sigrieti aktar diffiċli biex jinżammu moħbija.