“Għada Nidħlu Mill-Ġdid L-Iskola Wara L-Btajjel Tas-Sajf Biex Ngħixu Sena Skolastika Oħra Flimkien” – Lelio Spiteri

Għada huwa l-ewwel jum lura l-iskola għal bosta min-nies wara l-btajjel tas-sajf. Is-surmast Lelio Spiteri qasam messaġġ fuq il-paġna tiegħu dwar dan.

Qal, “Għada nidħlu mill-ġdid l-iskola wara l-btajjel tas-sajf biex ngħixu sena skolastika oħra flimkien, edukaturi, studenti, ħaddiema u ġenituri. Niftakar sew l-ewwel darba li rfist l-għatba tal-iskola tal-Vajrinġa għoxrin sena ilu! Kelli ftit aktar minn tletin sena. Illum qbiżt il-ħamsin! Kemm ġrajjiet, tifkiriet, memorji. Tispikka bla dubju ta' xejn il-mixja mill-iskola l-qadima għal dik ġdida li fiha noperaw illum. Dik l-esperjenza tibqa' minquxa fija għal dejjem. Dik unika, irripetibbli.”

Żied, “Għada nissuktaw il-vjaġġ. L-istess eċitament, qisni sejjer hemm għall-ewwel darba. Imma kif ma ninbidel qatt? Hekk ħajti, magħġuna ma' dik tat-tfal li mill-Erbgħa 'l quddiem jerġgħu jimlew il-kurituri, l-ispazji miftuħa, il-klassijiet, it-tfal li jerġgħu jkebbsu t-tifel li hemm ġo fija, f'ambjent ferrieħi fejn is-sens ta' familja u l-imħabba jissiġillaw dak kollu li jiġri.”

Temm jgħid, “Mulej għal darba oħra nafda lill-familja tal-iskola f'idejk, u fejn jien nogħtor, naqa', nitfixkel, nixkana, erfagħni u mexxi int. Ammen.”

Awguri lil dawk kollha li għada ser jidħlu lura l-iskola!

Ritratti:

Lelio Spiteri

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI