Matul erbgħin sena ta’ karriera, Karl u Romina bnew reputazzjoni li ftit jistgħu jqabblu magħha, b’vjaġġ artistiku li ra lilhom jidhru f’diversi produzzjonijiet teatrali kif ukoll fi programmi tar-radju u tat-televiżjoni li ħallew marka fil-qlub tal-Maltin.
It-talent, id-dedikazzjoni u l-kreattività tagħhom wassluhom biex isiru parti mill-ħajja ta’ bosta telespettaturi, filwaqt li permezz tal-ħidma tagħhom ikomplu jqarrbu lill-pubbliku lejn il-kultura u d-dinja tal-arti Maltija.
Issa, wara tant snin fuq il-palk u fuq l-iskrins, Romina se terġa’ tingħaqad ma’ Karl fil-programm F Living Show fuq F Living Channel, mit-Tlieta li ġej.
Il-programm se jixxandar live f’12:30, b’ripetizzjoni filgħaxija fid-21:00.
Għal bosta telespettaturi, Karl u Romina ilhom għal snin twal ikunu ta’ kumpanija fid-djar Maltin, u r-ritorn tagħhom flimkien fuq l-iskrin żgur se jfakkarhom f’ħafna mill-mumenti li matul is-snin qasmu magħhom.