Għaddew 20 Sena Mill-Mewt Ta’ San Carlo Acutis – Żagħżugħ Li Għadu Jispira Lil Miljuni Madwar Id-Dinja

Bħal-lum, 12 ta’ Ottubru, jaħbat l-20 anniversarju mill-mewt ta’ San Carlo Acutis, iż-żagħżugħ Taljan li miet fl-2006 fl-età ta’ 15-il sena, iżda li l-istorja tiegħu għadha tmiss il-qlub ta’ miljuni ta’ persuni madwar id-dinja. Carlo, li twieled Londra fl-1991 u trabba f’Milan, kien magħruf għall-imħabba kbira tiegħu lejn il-fidi Kattolika, b’mod partikolari lejn l-Ewkaristija. Minkejja l-età żgħira tiegħu, huwa uża l-għarfien tiegħu fit-teknoloġija biex iwassal il-messaġġ tal-fidi lil oħrajn.

Ħajtu ntemmet ħabta u sabta wara li żviluppa forma aggressiva ta’ lewkimja, iżda t-testimonjanza tiegħu baqgħet ħajja u kompliet tispira lil ħafna, speċjalment liż-żgħażagħ. Illum, il-fdalijiet tiegħu jinsabu għall-venerazzjoni pubblika fis-Santwarju della Spogliazione f’Assisi, fl-Italja, fejn għadd kbir ta’ pellegrini jżuruh kull sena biex jitolbu u jagħtuh qima.

Il-ħajja tiegħu kienet ukoll waħda mill-eżempji ta’ kif il-fidi u t-teknoloġija jistgħu jimxu id f’id, tant li Carlo sar magħruf bħala wieħed mill-ewwel żgħażagħ li użaw l-internet biex ixerrdu tagħlim reliġjuż. Fis-7 ta’ Settembru 2025, Carlo ġie ddikjarat qaddis mill-Papa Ljun XIV, u sar l-ewwel qaddis mill-ġenerazzjoni tal-millennials.

Għoxrin sena wara mewtu, San Carlo Acutis jibqa’ simbolu ta’ fidi, sempliċità u tama, filwaqt li l-istorja tiegħu tkompli tfakkar li anke ħajja qasira tista’ tħalli impatt kbir fuq id-dinja.

Ritratt:

Facebook / St. Carlo Acutis Shrine

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI