“Minn Kamarti Waqt Il-Lockdown Għal Avveniment Internazzjonali F’Ruma!” – Henry Galea B’Aħbar Mill-Isbaħ!

Minn sempliċi kreazzjonijiet li beda jagħmel f’kamartu waqt il-pandemija, għal kollezzjoni li issa se tkun esebita f’avveniment internazzjonali f’Ruma! L-artist Malti Henry Galea ħabbar aħbar mill-isbaħ li tfisser pass importanti ieħor fil-karriera kreattiva tiegħu.

Permezz ta’ messaġġ emozzjonanti fuq il-mezzi soċjali, Henry fakkar kif sitt snin ilu, waqt il-lockdown, kien iqatta’ l-ħin joħloq kpiepel uniċi minn materjali differenti li kien isib madwaru. Dak iż-żmien, lanqas biss kien jimmaġina li dawn il-kreazzjonijiet kienu se jiġbru aktar minn nofs biljun viżwalizzazzjoni!

B’kollox, Henry ħoloq 40 disinn differenti, kull wieħed akkumpanjat minn dehra partikolari tal-makeup u karattru distint. Interessanti l-fatt li matul dawn is-snin kollha, huwa żamm kull wieħed minnhom. Illum, sitt snin wara, Henry ħabbar li l-kollezzjoni kollha tiegħu, magħrufa bħala Lockdown Collection, se tivvjaġġa lejn Ruma b’kollaborazzjoni mas-SiGMA Foundation.

Waqt dan l-avveniment internazzjonali, il-kpiepel se jingħataw ħajja ġdida permezz ta’ mudelli li se jippreżentawhom, filwaqt li tlieta mill-kreazzjonijiet oriġinali tiegħu se jitpoġġew għall-irkant. Henry stqarr li jixtieq li seta’ jmur lura fiż-żmien u jgħid lilu nnifsu ta’ 20 sena x’kien hemm jistennieh fil-futur, għalkemm jemmen li dak iż-żmien lanqas kien jemmen li xi darba kien se jasal s’hawn.

Huwa rringrazzja lil dawk kollha li segwewh sa mill-bidu tal-vjaġġ tiegħu, kif ukoll lil dawk li ngħaqdu miegħu matul is-snin, filwaqt li saħaq li dawn il-kpiepel jirrappreżentaw parti importanti ħafna mill-bidu tal-karriera tiegħu. Storja tassew sabiħa li turi kif il-kreattività, il-passjoni u d-determinazzjoni jistgħu jwasslu għal opportunitajiet li wieħed qatt ma jkun immaġina!

Ritratt:

Facebook / Henry Galea

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI