Dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-kant u jixtiequ jesponu t-talent tagħhom fuq palk prestiġjuż issa għandhom opportunità oħra, hekk kif uffiċjalment infetħu l-applikazzjonijiet għat-tmien edizzjoni ta’ Kantamagħna Festival 2027. Il-festival se jittella’ nhar is-Sibt, 16 ta’ Jannar 2027, fit-Teatru Astra fir-Rabat, Għawdex, fejn 30 finalist se jkollhom l-opportunità li juru l-kapaċitajiet vokali tagħhom quddiem l-udjenza.
Il-parteċipanti se jkunu maqsuma f’żewġ kategoriji: Kantamagħna Junior, għal kantanti ta’ bejn il-11 u l-15-il sena, u Kantamagħna Senior, għal dawk li għandhom 16-il sena jew aktar. Dawk interessati li jieħdu sehem għandhom sas-2 ta’ Novembru 2026 biex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom permezz tal-formola online disponibbli hawnhekk.
Kantamagħna Festival huwa organizzat minn DCapitals Big Band b’kollaborazzjoni mat-Teatru Astra, u joffri pjattaforma lill-kantanti biex jaqsmu l-passjoni tagħhom għall-mużika u jkomplu jiżviluppaw it-talent tagħhom. Il-kantanta rebbieħa tal-aħħar edizzjoni kienet Cherylis, li aktar tard, rajnieha wkoll tirbaħ il-festival L-Għanja tal-Poplu.
Nawguraw lill-kantanti kollha li mħajrin japplikaw għal dan il-konkors.
Facebook / DCapitals Big Band