Kultant, il-ħajja ġġiegħlek terġa’ tibda mill-bidu, anke meta tkun diġà qsamt ħafna emozzjonijiet u memorji ma’ oħrajn. Dan huwa l-messaġġ li wassal missier Guilherme permezz tal-paġna Guilherme’s Journey of Hope II.
Huwa spjega li quddiemhom kellhom żewġ għażliet: jew jieqfu hemm u jħallu lil Guilherme jintesa, jew jerġgħu jibdew dan il-vjaġġ b’tama ġdida. Għalkemm tilfu paġna li kienet mimlija memorji, dmugħ, tbissim u mħabba, il-ħarsa lejn binhom reġgħet tathom il-kuraġġ biex ikomplu.
Guilherme huwa tifel li kuljum jaffaċċja battalji li ħafna lanqas biss jistgħu jimmaġinaw. Minkejja d-diffikultajiet kollha, jibqa’ jitbissem u jfakkar lil dawk ta’ madwaru kemm it-tama tista’ tkun b’saħħitha. Missieru jfakkar, li għalkemm Guilherme ma jistax jitkellem, għandu ħafna x’jgħid lid-dinja.
Għalhekk, qed jitlob lill-pubbliku biex isegwu u jibdew jissapportjaw il-paġna l-ġdida, ħalli l-istorja ta’ ibnu tkompli tagħti t-tama u ġġib it-tbissim fil-ħajja ta’ ħaddieħor.

Facebook/Guilherme’s Journey of Hope II