Mary Anne Zammit Tikteb Dwar Il-Gwerra Siekta Li Jgħaddu Minnha N-Nisa B’Diżabbilità

Hemm stejjer li ma nisimgħux, tbatijiet li ma narawx u għajjat għall-għajnuna li tibqa’ sieket. Hija din ir-realtà li l-kittieba Maltija Mary Anne Zammit tesplora f’artiklu tagħha bit-titlu Faces and their Stories: Women with Disabilities, li deher fil-Barcelona Literary Magazine.

Permezz ta’ kitba li tqanqal il-ħsieb, Mary Anne titfa’ dawl fuq ir-riskji ta’ abbuż li jistgħu jesperjenzaw nisa b’diżabbiltà, li f’ċerti ċirkostanzi jkunu aktar vulnerabbli għall-vjolenza fiżika, psikoloġika u sesswali. Tispjega, kif xi vittmi jistgħu jsibuha diffiċli biex jikkomunikaw dak li jkunu għaddejjin minnu, filwaqt li oħrajn ikunu jiddependu mill-istess persuni li qed jabbużaw minnhom għall-kura, l-għajnuna jew l-appoġġ finanzjarju. F’każijiet bħal dawn, l-iżolament mill-familja u mill-ħbieb jista’ jkompli jżid is-sens ta’ nuqqas ta’ saħħa u d-diffikultà biex jinstab l-appoġġ meħtieġ.

Mary Anne, li għandha diversi kwalifiki akkademiċi u hija l-awtriċi ta’ rumanzi bil-Malti u bl-Ingliż, ttemm il-kitba tagħha b’riflessjoni dwar l-uċuħ li niltaqgħu magħhom kuljum. Warajhom jista’ jkun hemm stejjer li qatt ma ġew irrakkontati.

Għalhekk, il-kitba tfakkarna fl-importanza li ma niġġudikawx lil ħaddieħor, iżda nagħtu kas ukoll tat-tbatija li tista’ tkun moħbija wara tbissima jew silenzju.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI