Binja tal-Gvern li ilha abbandunata fil-Birgu mistennija tingħata ħajja ġdida permezz ta’ proġett ta’ konsolidazzjoni u restawr li se jwassal biex tinbidel fi tliet appartamenti għall-akkomodazzjoni soċjali.
Il-proprjetà tinsab f’numri 6 u 7, Triq l-Antika, u fuqha se jsir investiment ta’ €730,000. Meta jitlestew ix-xogħlijiet, it-tliet appartamenti se jiżdiedu mal-istock tal-akkomodazzjoni tal-Awtorità tad-Djar.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, Owen Bonnici, żar il-binja u spjega kif il-Ministeru qed jaħdem biex proprjetajiet tal-Gvern li ilhom snin ma jintużawx, jingħataw skop ġdid.
Skont il-Ministru, proġetti bħal dawn mhux biss joħolqu aktar opportunitajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali, iżda jgħinu wkoll fil-ħarsien tal-wirt arkitettoniku tal-lokalitajiet tagħna u fit-titjib tal-ambjent u s-sigurtà tal-binjiet.
F’Diċembru tal-2025, il-binja kienet ġarrbet kollass f’parti mill-ħajt tal-parapett, kawża ta’ maltempata. Wara li nkisbu l-permessi meħtieġa, setgħu jibdew ix-xogħlijiet ta’ konsolidazzjoni fil-partijiet li ġarrbu l-aktar ħsarat estensivi.
B’dan il-proġett, binja li kienet ilha mitluqa se tingħata funzjoni ġdida, filwaqt li tikkontribwixxi għall-ħtieġa ta’ aktar akkomodazzjoni soċjali f’Malta.