Clifford Galea qasam mument speċjali mas-segwaċi tiegħu fuq il-midja soċjali, hekk kif kellu l-opportunità jiltaqa’ mal-Kardinal Mario Grech, li miegħu għandu ħbiberija li tmur lura diversi snin. Permezz ta’ messaġġ fuq Facebook, Clifford esprima l-gratitudni tiegħu lejn il-Kardinal talli laqgħu u sab il-ħin biex jiddiskutu flimkien.
"Nirringrazzja mill-qalb lill-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Mario Grech, ħabib antik, talli laqagħni u talli kellna l-opportunità niddiskutu ftit flimkien," kiteb Clifford. Matul din il-laqgħa, Clifford kellu wkoll l-opportunità jippreżenta lill-Kardinal il-ktieb il-ġdid tiegħu, Ġurnata b’Ġurnata, li mistenni jitnieda dalwaqt.
Permezz ta’ din il-pubblikazzjoni, Clifford jixtieq iwassal messaġġ ta’ tama u kuraġġ lil dawk kollha li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli f’ħajjithom. Huwa spjega li l-għan tiegħu huwa li, permezz tal-kitba, jagħti s-sehem tiegħu biex jgħin lil persuni li jkunu qed jaffaċċjaw diversi sfidi.
Clifford temm il-messaġġ tiegħu bi ħsieb sabiħ dwar l-importanza tal-empatija u l-għajnuna lejn l-oħrajn. "Lil hinn minn dak kollu li naħdmu fih u nagħmlu f’ħajjitna, l-isbaħ ħaġa tibqa’ l-kompassjoni lejn min iġarrab." Messaġġ mill-isbaħ li jfakkarna kemm kelma ta’ kuraġġ, ġest ta’ mħabba u ftit kompassjoni jistgħu jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor.
Facebook / Clifford Galea