L-Ewwel Kirurgu Għawdxi John Baptist Pace Jirbaħ Il-Premju Nazzareno Vassallo 2026

It-tim wara l-paġna uffiċjali tal-Eċċellenza tagħha l-President Myriam Spiteri Debono qasmu messaġġ rigward rikonoxximent li ngħata riċentament lill-kirurgu John Baptist Pace

Qalu, “Il-kirurgu John Baptist Pace kien rikonoxxut bin-Nazzareno Vassallo Award 2026 waqt ċerimonja li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton fl-okkażjoni tat-80 anniversarju ta' Vassallo Group Malta, li jiġbor fi ħdanu wkoll lil CareMalta.”

Żiedu, “F’diskors tal-okkażjoni, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono sellmet lil dawk kollha li bil-ħidma u l-impenn tagħhom jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja tal-anzjani fis-soċjetà tagħha. Irrikonoxxiet ukoll il-ħidma u l-viżjoni ta’ Vassallo Group, u b’mod speċjali ta’ Nazzareno Vassallo, li firex is-servizzi tal-grupp biex poġġa l-kura u d-dinjità tal-anzjani fiċ-ċentru tas-soċjetà.”

Komplew, “Mr Pace hu l-fundatur tal-għaqda Friends of the Elderly and the Sick f’Għawdex li tassisti familji u tqassam apparat mediku li jtejjeb il-ħajja tal-anzjani u l-morda. Hu kien rikonoxxut “għall-ħidma matul ħajtu kollha b'risq id-dinjità u l-ħarsien ta’ persuni anzjani u vulnerabbli fil-Gżira Għawdxija, kif ukoll għall-ħidma li wettaq u għadu jwettaq fil-karriera professjonali tiegħu.” 

Temmew, “Pace intagħżel minn fost numru ta’ individwi u għaqdiet oħra nominati għal dan il-Premju, bl-għażla ssir minn bord immexxi mill-Prim Ministru Emeritu, Dr Lawrence Gonzi.”

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI