Skopri X’Tista’ Tagħmel B’Leħnek! Gillian Attard U T-Tim Tagħha B’Masterclass Speċjali Fid-29 Ta’ Novembru

Tixtieq ittejjeb il-vuċi tiegħek, tikseb aktar kunfidenza fuq il-palk jew tibda l-vjaġġ tiegħek fid-dinja tal-kant? La Voix Studios qed toffri opportunità speċjali permezz ta’ Vocal Masterclass, ġurnata sħiħa ta’ taħriġ vokali professjonali taħt it-tmexxija ta’ Gillian Attard u t-tim tagħha, nhar il-Ħadd 29 ta’ Novembru 2026.

Gillian Attard, il-fundatriċi u d-direttriċi vokali ta’ La Voix Studios, għandha aktar minn 16-il sena esperjenza fl-industrija. Hija tħarrġet fit-Trinity College of Music f’Londra u matul il-karriera tagħha għenet lil diversi talenti Maltin jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jaslu fuq palkijiet nazzjonali u internazzjonali.

Il-masterclass se tkun maqsuma fi tliet gruppi skont l-età: minn 4 sa 9 snin, minn 10 sa 12-il sena, u minn 13-il sena ’l fuq. Kull grupp se jingħata taħriġ adattat għal-livell tiegħu, f’ambjent fejn il-parteċipanti jkunu jistgħu jirċievu attenzjoni personali.

Matul il-ġurnata, Gillian se tkun akkumpanjata minn diversi għalliema ta’ La Voix Studios li se jindirizzaw aspetti differenti tal-kant. Dawn jinkludu t-teknika vokali, il-kontroll tan-nifs, it-ton tal-vuċi, il-preżenza fuq il-palk, kif wieħed jegħleb in-nervi u jibni l-kunfidenza, kif ukoll kif wieħed jagħżel l-aqwa kanzunetta għall-vuċi tiegħu.

Il-parteċipanti se jitgħallmu wkoll kif jevitaw drawwiet ħżiena ta' kif tintuża l-vuċi, kif jippreparaw leħinhom qabel prestazzjoni u kif jistgħu jkomplu jipprattikaw dak li jkunu tgħallmu fil-kumdità ta’ darhom. M’hemmx għalfejn tkun student ta’ La Voix Studios biex tipparteċipa! Il-masterclass hija miftuħa għal kulħadd, kemm għal dawk li għadhom jibdew, kif ukoll għal kantanti li diġà għandhom esperjenza u jixtiequ jkomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom.

Il-postijiet huma limitati sabiex kull parteċipant jingħata l-attenzjoni li jixraqlu. Għalhekk, dawk interessati huma mħeġġa jagħmlu kuntatt ma’ La Voix Studios u jirriżervaw posthom minn issa.

Għax kull vuċi għandha potenzjal, u din tista’ tkun l-opportunità tiegħek biex tiskopri tassew x’tista’ tagħmel b’leħnek!

Ritratt:

Facebook / Gillian Attard

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI