Hemm ħbiberiji li jibdew b’mod sempliċi, iżda maż-żmien isiru parti mill-isbaħ kapitli ta’ ħajjitna. Hekk hi dik bejn Alison ta' Mummy On Diet u Sephora, li llum qed tiċċelebra mhux biss għeluq sninha, iżda wkoll ħames snin ta’ ħbiberija speċjali.

Mummy On Diet fakkret kif, ħames snin ilu, wara li kienu ilhom jafu lil xulxin biss ġimgħa jew tnejn, Sephora ddeċidiet li tistedinha biex tiċċelebra għeluq sninha magħha.
Dakinhar, flimkien ma’ Justine, qattgħu ftit ħin flimkien, jieklu l-pastizzi, jitkellmu, jaqsmu l-kejk u jkantaw. Ma kienx hemm bżonn festa kbira biex ikollhom ġurnata sabiħa. Kien biżżejjed li jkunu flimkien! Illum, ħames snin wara, l-affarijiet inbidlu u ċ-ċirku ta’ nies madwarhom kiber, iżda l-qalba ta’ din il-ħbiberija baqgħet l-istess. “M’għadniex biss aħna t-tlieta. Imma fl-istess ħin, bqajna xorta aħna t-tlieta,” kitbet b’nostalġija.
Issa, l-unika xewqa tagħha hi li din il-ħbiberija tibqa’ tissaħħaħ u li ma jgħaddux minn wisq intoppi, biex meta jagħlqu 37 sena jkunu jistgħu jiċċelebraw għaxar snin oħra ta’ memorji flimkien, għax fl-aħħar mill-aħħar, l-isbaħ rigal hu n-nies li jibqgħu maġenbek tul is-snin.

Facebook/Mummy On Diet