Puttinu Cares esprimiet il-gratitudni tagħha lejn l-Arċisqof Charles J Scicluna għall-mument speċjali li qasam mal-pazjenti u l-familji li bħalissa jinsabu fl-appartamenti tal-għaqda f’Sutton, Londra.
F’messaġġ ippubblikat fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook, Puttinu Cares qalet li kienet ġurnata speċjali, mimlija mħabba, faraġ u tama, li kompliet tagħti aktar tifsira lill-komunità li tinġabar flimkien madwar il-Quddiesa.
"Napprezzaw immens iż-żjara tal-Arċisqof lill-pazjenti u lill-familji tagħhom fl-appartamenti ta’ Puttinu Cares ġewwa Sutton, Londra," kitbet l-għaqda.
Puttinu kompliet tgħid li ż-żjara kienet waħda li ġabet magħha mumenti ta’ emozzjoni u solidarjetà.
Fl-aħħar tal-messaġġ, l-għaqda rringrazzjat lill-Arċisqof mill-qalb talli, permezz ta’ din iż-żjara, wera kemm huma importanti l-imħabba u s-solidarjetà, filwaqt li fakkret lill-pazjenti li mhumiex waħedhom f’dan il-vjaġġ.
Żjara li, lil hinn mill-kliem, wasslet messaġġ ta’ tama, kuraġġ u qlubija lil dawk li għaddejjin minn mumenti diffiċli 'l bogħod minn darhom.