Li nkunu dejjem disponibbli għall-oħrajn mhux bilfors ifisser li qed nieħdu ħsieb ir-relazzjonijiet tagħna. Xi drabi, biex inħarsu l-benesseri emozzjonali tagħna, ikun importanti li nitgħallmu nistabbilixxu limiti ċari u nagħrfu meta għandna ngħidu l-kelma“le”.
Dan kien il-qofol ta’ messaġġ li qasam il-psikologu Nicholas Briffa fuq il-midja soċjali, fejn tkellem dwar l-importanza tal-“boundaries”, jew il-limiti personali, fir-relazzjonijiet tagħna. Briffa spjega li ħafna drabi nħossu li biex inkunu maħbuba u aċċettati għandna nkunu dejjem hemm għal ħaddieħor, anke meta dan jitlob minna aktar milli nifilħu. Madankollu, saħaq li titgħallem tgħid "le" meta hemm bżonn ma jfissirx li tkun qed tbiegħed lin-nies minn miegħek.
Għall-kuntrarju, Briffa jistqarr li dawn il-limiti jgħinuna nifhmu x’inhu tajjeb għalina, x’nistgħu naċċettaw u x’jista’ jweġġagħna: "meta nkunu ċari mal-oħrajn dwar dak li hu aċċettabbli għalina, inkunu qed nuru rispett lejn il-valur tagħna nfusna." Huwa enfasizza wkoll li l-limiti jistgħu jgħinu biex jinħolqu relazzjonijiet aktar bilanċjati, fejn kull persuna tħossha mifhuma, rispettata u komda li tkun hi nnifisha.
“Li nitgħallmu ngħidu ‘le’ mingħajr ma nħossuna ħatja” huwa parti importanti minn dan il-proċess, kiteb Briffa, filwaqt li spjega li nirrispettaw il-bżonnijiet tagħna ma jagħmilniex egoisti.
Facebook/ Nicholas Briffa