L-Eċċellenza tagħha, Myriam Spiteri Debono, telqet lejn ir-Renju Unit dalgħodu l-Erbgħa 4 ta’ Novembru għal żjara uffiċjali ta’ tlett ijiem, li matulha se tagħti attenzjoni partikolari lill-pazjenti Maltin li qed jirċievu kura barra minn pajjiżna.
Skont il-komunikazzjoni uffiċjali tal-Presidenza, il-President se tiltaqa’ ma’ pazjenti u mal-familjari tagħhom, li qed jakkumpanjawhom f’dan il-perjodu diffiċli. Il-programm jinkludi żjarat fil-Great Ormond Street Hospital for Children u fir-Royal Marsden Hospital ġewwa Sutton.
Matul iż-żjara, il-President mistennija tiltaqa’ wkoll mas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù u żżur l-appartamenti ta’ Puttinu Cares f’Sutton. Dawn l-entitajiet, flimkien mal-Malta Community Chest Fund, joffru għajnuna lill-pazjenti Maltin u lill-qraba tagħhom waqt li jkunu fir-Renju Unit.
Il-President se tkun akkumpanjata mill-Viċi Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg, kif ukoll minn uffiċjali tal-Malta Community Chest Fund. Il-programm uffiċjali jinkludi wkoll attività tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f’Cutlers’ Hall, f’Londra, fejn il-President mistennija tindirizza rappreżentanti tas-settur turistiku li qed jipparteċipaw fil-World Travel Market.
Myriam Spiteri Debono mistennija tirritorna Malta fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt. Matul l-assenza tagħha, Helena Dalli se taqdi l-funzjoni ta’ Aġent President.
Facebook/ Myriam Spiteri Debono