Is-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay, ma żammx lura milli jesprimi d-diżappunt tiegħu dwar l-istat li qed titħalla fih Triq it-Teatru l-Antik wara l-attività kummerċjali ta’ kuljum.
F’messaġġ dirett, is-Sindku qal li hemm min iħobb jilmenta dwar il-ħmieġ li jħallu warajhom oħrajn, iżda mbagħad jispiċċa jagħmel l-istess ħaġa. Huwa saħaq, li min jagħmel il-flus mill-Belt għandu wkoll ir-responsabbiltà li jieħu ħsieb l-ispazju ta’ madwaru: “Ħabib, wara li taqla’ lira mill-Belt, għallinqas ħu ħsieb li tnaddaf warajk."
McKay appella, għal aktar rispett lejn il-komunità Beltija, ir-residenti u anke lejn il-klijenti stess tan-negozji. Fl-istess waqt, ħabbar li se jintbagħtu ittri biex jiġi żgurat li kull filgħaxija kollox jitneħħa minn Triq it-Teatru l-Antik. Dan biex il-ħaddiema tat-tindif ikunu jistgħu jidħlu bil-makkinarju meħtieġ u jagħmlu xogħolhom kif suppost.
Is-Sindku għamilha ċara li mhux qed jiġġeneralizza, iżda jemmen li issa “qed jinqabeż kull limitu” u li r-rispett lejn il-Belt għandu jkun responsabbiltà ta’ kulħadd.
Facebook/Olaf McKay