Riċentament infetħet l-ewwel librerija pubblika fuq barra ġewwa l-Imsida. Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, il-Kunsill Lokali tal-Imsida qasmu messaġġ dwar dan.
Qalu, “Bi pjaċir ninfurmaw li llum twaħħlet l-ewwel Librerija Pubblika fuq barra fil-lokalità tal-Imsida. Din ġiet installata aktar kmieni dalgħodu tul ix-xatt sabiex tkun aċċessibbli u disponibbli għal kulħadd. Dan il-proġett qed isir grazzi għall-kollaborazzjoni tal-Aġenzija Nazzjonali għal-Litteriżmu, li se tkun qed tgħaddi wkoll għotja ta’ 100 ktieb biex jitpoġġew f'din il-librerija.”
Żiedu, “L-idea hija sempliċi: ħu ktieb, aqrah, u ħalli ieħor minfloku. B’hekk inkunu qed noħolqu ċiklu ta’ qsim tal-għarfien u nkomplu nxerrdu l-kultura tal-qari fil-komunità tagħna. Nittamaw li din l-inizjattiva tkun apprezzata u rispettata minn kulħadd sabiex tgawdi minnha l-komunità kollha għal snin twal.”