Il-programm tat-tilqim kontra l-influwenza, il-Covid-19 u l-pnewmokokku beda jiġi offrut fiċ-Ċentri tas-Saħħa madwar Malta sal-31 ta’ Jannar 2027.
It-tilqim huwa disponibbli għal persuni minn 13-il sena ’l fuq, permezz ta’ appuntamenti li jistgħu jiġu bbukkjati mal-Kunsilli Lokali li qed jieħdu sehem fl-inizjattiva.
Is-servizz se jkun disponibbli f’diversi lokalitajiet, fosthom Bormla, Birkirkara, Ħal Qormi, il-Mosta, Raħal Ġdid, il-Furjana, iż-Żejtun, Ħal Kirkop u r-Rabat kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Il-ħinijiet tat-tilqim ivarjaw skont iċ-ċentru, iżda ġeneralment is-servizz se jkun offrut bejn is-13:00 u s-19:00, f’jiem differenti tal-ġimgħa.
Sadanittant, it-tfal minn sitt xhur sa 13-il sena u n-nisa tqal jistgħu jingħataw it-tilqim fil-kliniċi tas-Servizz Nazzjonali tat-Tilqim (NIS) fil-Furjana u fir-Rabat, Għawdex, mingħajr il-ħtieġa ta’ appuntament, fid-dati indikati matul Novembru u Diċembru 2026.
Dawn il-kliniċi se jkunu miftuħa bejn is-7.30 u s-14.00. Il-ġenituri jew il-kustodji huma mitluba jġibu magħhom il-Karta tal-Identità tagħhom u l-Ktejjeb tat-Tarbija.
Barra minn hekk, tfal vulnerabbli minn sitt xhur sa 17-il sena jistgħu jkunu eliġibbli għat-tilqima kontra l-pnewmokokku mingħajr ħlas. L-inizjattiva għandha l-għan li tagħmilha aktar faċli għall-familji biex jaċċessaw it-tilqim u jipproteġu s-saħħa tagħhom.
Facebook/ Kunsill Lokali Birżebbuġa