“Mumja Restawrata U Artefatti Rari!” – Wirja Dwar L-Eġittu Tal-Qedem Fil-Belt Valletta Sa Mejju 2027

Il-misteri taċ-ċiviltà Eġizzjana issa jistgħu jiġu mistħarrġa proprju fil-qalba tal-Belt Valletta. Heritage Malta qed tippreżenta l-wirja “Għall-Ħajja Eterna: L-Eġizzjani tal-Qedem” fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, li se tibqa’ miftuħa sas-16 ta’ Mejju 2027.

Għall-ewwel darba, il-pubbliku għandu l-opportunità jara parti sostanzjali mill-kollezzjoni Eġizzjana tal-mużew, fosthom mumja li ġiet restawrata riċentament. Ħafna mill-artefatti ngħataw bħala donazzjoni minn Lord Grenfell li serva bħala Gvernatur ta’ Malta bejn l-1899 u l-1903. Dettall li jispikka huwa li minkejja d-dubji li kien hemm dwar l-awtentiċità ta’ diversi oġġetti, studju dettaljat wera li madwar 80% tal-kollezzjoni hija fil-fatt awtentika. Dan ir-riżultat joffri opportunitajiet ġodda biex il-valur storiku u kulturali ta’ dawn l-artefatti jiġi studjat aktar fil-fond.

Il-wirja qed tittella’ b’kollaborazzjoni mar-Rijksmuseum van Oudheden f’Leiden, l-Olanda u tinkludi wkoll oġġetti mill-kollezzjoni tal-mużew Olandiż. Il-viżitaturi jistgħu jiskopru l-kitba, it-twemmin, il-ħajja ta’ kuljum u r-ritwali funebri tal-Eġizzjani tal-Qedem. Fost il-punti ewlenin hemm statwa ta’ Neferabu, ħaddiem li kien jgħix f’Deir el-Medina, komunità marbuta mal-bini u t-tiżjin tal-oqbra rjali fil-Wied tar-Rejiet.

Din l-esperjenza toffri opportunità lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom is-suġġett tal-istorja biex jiskopru aktar dwar ċiviltà li għadha tqanqal il-kurżità, minkejja li qed nitkellmu dwar eluf ta’ snin wara. Aktar dettalji dwar il-wirja u ż-żjarat huma disponibbli fuq is-sit uffiċjali ta’ Heritage Malta.

Ritratt:

Facebook/ Heritage Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI