Il-komunità ta’ Birkirkara FC għadha kif għaddiet minn mument ta' niket hekk kif illum il-klabb sellem għall-aħħar darba lil Galen Sammut, magħruf minn bosta bħala “Il-Pajju”, li ħalla din id-dinja nhar l-20 ta’ Novembru 2026 fl-età ta’ 39 sena.
F’messaġġ ippubblikat fuq il-paġna uffiċjali, Birkirkara FC qalet li "l-memorja tiegħu se tibqa’ għal dejjem fil-qlub tal-familja Karkariża." It-tislima kienet akkumpanjata mill-kliem “Strieħ fis-sliem, Pajju”, bħala turija tal-imħabba u r-rispett li kellhom lejh.
Galen kien eks kit maniġer tal-klabb u ddedika bosta snin ta’ servizz volontarju ma' Birkirkara FC. Il-ħidma tiegħu wara l-kwinti, flimkien mal-passjoni tiegħu għall-kuluri Karkariżi, ħalliet impatt kbir fost dawk kollha li ħadmu miegħu. Il-klabb fakkar il-memorja tiegħu wkoll qabel il-partita kontra Birżebbuġa St Peter’s, meta l-plejers urew bandalora ddedikata lilu.
F’dan il-mument ta’ diqa, il-ħsieb tagħna jmur mal-familja, il-ħbieb u dawk kollha li kienu jafuh. Strieħ fis-sliem, Galen.
Facebook/ Birkirkara FC