Apparti li r-rappreżentanta tal-Eurovision Song Contest għall-Awstralja, Delta Goodrem, dan l-aħħar kienet qed tissemma f’Malta minħabba r-rabta li l-gżira għandha mat-tieġ tagħha, issa ġiet żvelata storja oħra interessanti li torbot lill-kantanta ma’ Malta.
Dan hekk kif l-aħwa Christine u Sharon Muscat, magħrufin bħala Sister2Sister, ilhom jaħdmu ma’ Goodrem għal aktar minn għaxar snin.
Matul is-snin, huma kienu ta’ spiss qrib tagħha bħala kollaboraturi u backing vocalists fil-vjaġġ mużikali tagħha. L-aħwa Muscat huma ulied Maltin li emigraw lejn l-Awstralja u għadhom iżommu rabtiet b’saħħithom ma’ Malta.
Għad għandhom saħansitra qraba li jgħixu hawn. Minbarra l-ħidma tagħhom ma’ Goodrem, Christine u Sharon bnew ukoll karriera mużikali ta’ suċċess fl-Awstralja.
Huma kisbu popolarità bħala Sister2Sister u baqgħu attivi fix-xena tal-mużika anke fis-snin ta’ wara. Barra minn hekk, huma jmexxu skola tal-kant stmata sew li ispirat talenti ġodda fil-qasam tal-mużika u l-ispettaklu.
Il-kollaborazzjoni kontinwa tagħhom ma’ waħda mill-aktar artisti magħrufa tal-Awstralja tkompli turi kif il-konnessjoni Maltija ħalliet impatt fix-xena mużikali anke dik internazzjonali.
Facebook/ Delta Goodrem