Aktar Minn 20 Kumpanija Tal-Logħob Diġitali U L-Esports Jieħdu Sehem F’PLAYCON 2026!

Malta qed tkompli tikber fis-settur tal-logħob diġitali u l-esports, hekk kif aktar minn 20 kumpanija kienu rrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026. L-avveniment laqqa’ flimkien kumpaniji lokali u internazzjonali li jaħdmu fl-iżvilupp tal-logħob diġitali, filwaqt li ġew ippreżentati diversi proġetti innovattivi li qed jinħolqu f’pajjiżna.

Fosthom insibu lil Midow Studios, li qed tiżviluppa Discovery of Magic, l-ewwel logħba Maltija fir-realtà virtwali li tista’ tintlagħab minn diversi plejers flimkien. Kumpaniji oħra jinkludu FEENIX Group, li tiżviluppa logħob fuq Roblox, u Quantic Lab, li fetħet laboratorju speċjalizzat fl-ittestjar tal-logħob diġitali f’Malta.

Waqt PLAYCON ingħatat prominenza wkoll lil kumpaniji bħal 4A Games, Anvil Game Studios u FURIA, li huma fost l-ismijiet attivi f’din l-industrija. Tħabbar ukoll investiment ta’ €2.2 miljun permezz ta’ żewġ skemi ġodda li mistennija jitnedew fl-2027. Dawn għandhom l-għan li jgħinu lill-iżviluppaturi joħolqu logħob ġdid, jappoġġjaw il-produzzjoni lokali u jattiraw aktar kumpaniji internazzjonali lejn Malta.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ GamingMalta, Ivan Filletti, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-iżvilupp tas-settur u għall-fatt li aktar studios qed joħolqu l-logħob tagħhom stess. Il-pjanijiet għas-snin li ġejjin jinkludu li sal-2035 Malta jkollha 35 studio tal-iżvilupp tal-logħob diġitali u aktar minn 2,000 impjieg speċjalizzat f'dan il-qasam.

Żgur li din hija aħbar interessanti għal dawk kollha li għandhom passjoni għal-logħob diġitali u jixtiequ jibnu karriera f’din l-industrija!

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI