“Il-Bidu Tat-Tmiem” – Clayton Pace Jieħu Deċiżjoni Li Ilu Jissielet Magħha U Jħabbar Li Se Jagħlaq Facebook

Clayton Pace qasam messaġġ fuq il-mezzi soċjali fejn ħabbar li ħa deċiżjoni li kien ilu jaħseb dwarha għal żmien twil, dik li jagħlaq il-profil tiegħu fuq Facebook. F'kitba li semmieha Il-Bidu tat-Tmiem, Clayton spjega kif kemm-il darba sab ruħu jqatta' sigħat fuq il-pjattaforma mingħajr ebda skop partikolari, ħin li seta' qattgħu jagħmel affarijiet oħra jew igawdi l-kumpanija tan-nies għeżież għalih.

"Ma ngħoddx kemm-il darba qbadt lili nnifsi niskrollja fil-vojt, bla ebda skop... Jew nidħol għal ftit sekondi, niltaqa' ma' xi artiklu u nispiċċa nqatta' ħin twil naqra," kiteb Clayton. Hu semma wkoll kemm-il darba spiċċa jinvolvi ruħu f'diskussjonijiet u kummenti li ma jwasslu mkien, ħlief biex ikomplu jisirqulu aktar ħin prezzjuż.

"U l-ħin, ladarba jgħaddi, ma jerġax lura," saħaq Clayton. Hu spjega li ddeċieda jħalli l-messaġġ tiegħu fuq Facebook għal ġurnata sabiex dawk li għandhom kuntatt miegħu ma jaħsbux li bblukkahom jew li hemm xi raġuni personali wara l-għajbien tiegħu mill-pjattaforma. Min jixtieq jibqa' f'kuntatt miegħu jista' jagħmel dan permezz ta' WhatsApp.

Clayton ammetta li mhux ċert jekk hux se jirnexxilu jibqa' 'l bogħod minn dak li hu stess sejjaħlu vizzju, iżda jinsab determinat li tal-inqas jipprova. "Ċert li se jirnexxili nibqa' 'l bogħod minn dan il-vizzju? LE. Ċert li lest nipprova? IVA." Hu temm il-messaġġ tiegħu b'riflessjoni li żgur ħafna jistgħu jirrelataw magħha.

"Kultant, biex inkunu aktar preżenti fil-ħajja ta' vera, irridu nitgħallmu nkunu inqas preżenti f'dik virtwali. Jekk mhux għalija, għal dawk ta' madwari." Messaġġ li jqajjem mistoqsija interessanti dwar kemm il-mezzi soċjali saru parti mill-ħajja tagħna ta' kuljum, u kemm-il darba, mingħajr ma nindunaw, nispiċċaw nitilfu mumenti prezzjużi li ma jerġgħux jiġu.

Intom qatt ħsibtu li tagħmlu bħal Clayton u tieħdu pawża mill-mezzi soċjali?

Ritratt:

Facebook / Clayton Pace

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI