Waqt il-programm 'Ngħidu Kollox', tkellem it-tabib Michael Spiteri li jaħdem fis-sezzjoni tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei u li lura fl-2021 kien ingħata l-unur ta' Ġieħ ir-Repubblika b'rikonoxximent għall-ħidma tiegħu.
Dr Michael jitkellem fost oħrajn dwar x'wasslu sabiex jagħżel din il-karriera. Jirrakkonta li meta kien għadu daqsxejn ta' tifel kien inzerta inċident fejn mara ntlaqtet minn karozza. F'iżjed dettall jispjega kif kien ra b'għajnejh lil din il-mara titgħabba fl-istess karozza li kienet tagħjritha u ttieħdet l-isptar.
It-tabib Michael Spiteri jistqarr li hekk kif kien qiegħed josserva l-mod li bih din il-mara ttieħdet l-isptar, intebaħ minnufih li kien hemm bżonn ta' bosta bidliet. Illum li jħares lura, Dr Michael jirrikonoxxi li dan l-episodju ħalla marka kbira f'ħajtu u kien wieħed mill-fatturi ewlenin li wasslu sabiex jibni karriera fil-mediċina.
Mistoqsi mill-preżentatur kif din il-karriera taffetwalu l-ħajja personali tiegħu, Dr Michael jispjega kif hu ltaqa' ma' martu Petra madwar għoxrin sena ilu proprju fid-Dipartiment tal-Emerġenza. Illum il-ġurnata, hu u martu huma ġenituri ta' żewġ ulied.
It-tabib jirrikonoxxi li xogħlu jirrikjedi minnu li jagħmel bosta sagrifiċċji u jirrikonoxxi li l-familja tiegħu, f'ħafna okkażjonijiet, ikollha tagħmel is-sagrifiċċji tagħha wkoll. "Ma ngħoddhomx f'id waħda l-ammont ta' drabi li nkunu barra bħala familja, inkun qiegħed nistenna li jaf tidħolli xi telefonata t'emerġenza, u l-familja jkollha tirritorna bit-taksi għaliex jien irrid nintervjeni malajr," jispjega Dr Michael Spiteri.
Filwaqt li faħħar is-sapport li tagħtih il-familja tiegħu, Dr Michael irrikonoxxa li mingħajr l-appoġġ tagħhom, żgur ma seta' qatt javvanza daqstant fil-karriera tiegħu fid-Dipartiment tal-Emerġenza.
It-tabib Michael Spiteri tkellem dwar dan waqt il-programm 'Ngħidu Kollox' li jixxandar fuq l-istazzjon ONE kull nhar ta' Tnejn fid-21:25 bil-preżentazzjoni ta' Nolan Camilleri. Tista' ssegwi l-intervista sħiħa billi tidħol HAWN.
Prosit lil Dr Michael tal-ħidma tiegħu!
ONE TV / Ngħidu Kollox u Facebook / Mater Dei Hospital