F’okkażjoni għallJum Dinji tan-naħal, l-Università ta’ Malta qasmet messaġġ importanti dwar il-protezzjoni u l-irwol essenzjali tagħhom fid-dinja tagħna.
Fil-messaġġ tagħha, l-Università spjegat kif in-naħal għandhom rwol kruċjali biex tinżamm il-ħajja fuq l-art, iżda fl-istess ħin il-popolazzjoni tagħhom qed tkun mhedda minħabba t-tibdil fil-klima, it-telf tal-ambjent naturali u t-tniġġis. L-Università ħeġġet lill-pubbliku biex jieħu ftit ħin sabiex jitgħallem aktar dwar dawn il-pollinaturi importanti u kif kulħadd jista’ jagħti sehmu biex jipproteġihom. Skont il-messaġġ tagħhom, “anke azzjonijiet żgħar jistgħu jagħmlu differenza”.
Fost il-fatti interessanti li qasmu dwar in-naħal, spjegaw kif in-naħal u pollinaturi oħra jgħinu biex jiġu msaħħa madwar 35% tal-uċuħ tar-raba’ fid-dinja kollha. Qasmu wkoll informazzjoni dwar kif in-naħal jikkomunikaw permezz tal-moviment u saħansitra jagħmlu dik magħrufa bħala “waggle dance” biex juru lil naħal oħra fejn jistgħu jsibu l-aqwa sors tal-ikel.
Interessanti wkoll il-fatt li n-naħal iħabbtu ġwenħajhom madwar 200 darba kull sekonda u minn hemm jinħoloq il-ħoss karatteristiku tagħhom li diffiċli ma tintebaħx bih!
Fb/ UOM
Pexels