Fil-Jum Internazzjonali tan-Naħla, Project Green flimkien mal-Assoċjazzjoni Naħħala Malta u l-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija nedew il-proġett pilota “BEECON” fil-Park ta’ San Klement.

Il-proġett jinkludi installazzjoni interattiva f’forma ta’ xehda kbira tan-naħal, fejn il-pubbliku jista’ jesperjenza d-dinja tan-naħal permezz ta’ ħsejjes, dawl, riħa u elementi viżivi differenti.
BEECON għandu l-għan li juża n-naħal biex jinġabru informazzjoni u data dwar il-kwalità ambjentali tal-ispazji ħodor, filwaqt li jqajjem aktar għarfien dwar l-importanza tan-naħla Maltija, li hija sottospeċi endemika u importanti għall-bijodiversità ta’ Malta.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ iżur din l-installazzjoni unika fil-Park ta’ San Klement u jsegwi l-paġni ta’ Project Green għal aktar attivitajiet u kompetizzjonijiet relatati mal-proġett.