Paġna popolari fuq Facebook tellgħet ritratt antik li mill-ewwel intlaqat minn bosta Maltin. Fir-ritratt jidher il-ħanut antik “Spinola Paint Store”, ħanut tradizzjonali mimli kulur, karattru u memorji ta’ Malta ta’ darna.
Quddiem il-ħanut jidhru Delina u Pawlu (iż-żewġ sidien ta’ dan il-ħanut dak iż-żmien) bilqiegħda jitkellmu u jidħku flimkien: xenarju sempliċi iżda li jfakkarna fi żmien fejn il-ħajja kienet aktar kalma meta mqabbla ma’ dik tal-lum u l-komunitajiet kienu jqattgħu aktar ħin jitkellmu barra l-bieb. Dettalji oħra żgħar bħall-bibien ħodor tal-injam, il-prodotti mdendlin barra u anke l-istil tal-ħanut jagħtu stampa ċara ta’ kif kienet tidher Malta fiż-żminijiet imgħoddija.
Ir-ritratt ġie mtella’ mill-paġna “Malta Lura Fil-Passat”, li ta’spiss taqsam ritratti u tifkiriet minn Malta ta’ snin ilu. Ħafna kienu dawk li kkummentaw kemm dawn ix-xeni jqanqlu nostalġija, speċjalment għal dawk li jiftakru t-toroq mimlija ħwienet żgħar tal-familja inkluż din il-koppja magħrufa sew f’San Ġiljan li ħallew marka fil-lokalità.
Mingħajr dubju, Delina u Pawlu jibqgħu mnaqqxa fil-memorja ta’ ħafna bħala personaġġi magħrufa mill-istorja ta’ San Ġiljan.
Fb/ Spinola Paint Store