Fost il-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum, hemm mumenti li ftit nitkellmu dwarhom, mumenti ta’ għeja, ta’ ħtija u ta’ mħabba li tgħaddi minn kull test. Dan hu eżattament dak li qasmet Graziella, omm Faith, mill-paġna Up & Up with Faith, f’rakkont sinċier u relatabbli li laqat lil ħafna ġenituri.
“Ġranet bħal dawn. It-tnejn li huma ma jifilħux. Ir-rutina tieqaf. Trid tikkanċella x-xogħol. Tikkanċella l-pjanijiet…” tibda tikteb, u minnufih tifhem li se tkun storja li ħafna jistgħu jaraw lilhom infushom fiha.
Meta t-tfal ma jifilħux, ma tieqafx biss ir-rutina tagħhom, tieqaf ukoll tiegħek. Il-ġurnata tinbidel f’maratona ta’ kura, mediċini, ikel u attenzjoni kontinwa. “Tipprova żżomhom okkupati. Timlilhom il-ħin. Tara x’se jieklu. Ittihom il-mediċini. Iddur ma’ kull bżonn tagħhom.”
U int? Tispiċċa fl-aħħar tal-lista. “Dar rebus. Inħares fil-mera u nieħu qata!! Niftakar li la għadni ħsilt snieni, la għamilt xagħri u lanqas kafé għadni ma ħadt!” Hija xbieha ċara ta’ realtajiet li ħafna ommijiet u missirijiet jgħixu, imma ftit jesprimu b’dan il-mod dirett.
Il-ħoss isir parti mill-pressjoni, “Storbju. ‘Mummy mummy’. Twerżieq. Biki. Ġlied… It-TV għaddej. Il-washing machine għaddejja. It-tumble ukoll.” U f’nofs dan kollu, anke l-ħoss tal-magna tal-kafe jidher żejjed. “Moħħi f’morsa,” tikteb, f’waħda mill-aktar frażijiet li jolqtu b’mod dirett.
Hemm ukoll il-mument tal-ħtija, dak li kważi kull ġenitur jaf bih. “Wegħdt lili nnifsi li llum ma ngħajjatx magħhom! Ma rnexxilix.” U l-konfessjoni li ġejja hi waħda umana, “Inħossni ħatja.”
Imma l-aktar parti qawwija forsi hija dik fejn tgħid, “Inħobbhom immens. Imma għajjejt. Din hi l-ħajja li xtaqt. Imma għajjejt.” Sentenza li fiha teżisti l-verità kollha tal-ġenituri – tista’ tħobb bla limitu u xorta tħossok eżawst.
Graziella tqajjem ukoll mistoqsija li ħafna jaħsbuha, “Jien l-għaġba? Hawn tant min kellu tfal u ħafna iktar? Imma xorta għajjejt.” U forsi proprju hawn tinsab is-sbuħija tal-messaġġ tagħha, li normalizza l-għeja, mingħajr ma tnaqqas mill-imħabba.
Fl-aħħar, tirrifletti, “Il-preżenza tiegħi, anke fi stat medjokri, tfisser id-dinja għalihom.” U tfakkarna f’realtà li xi kultant ninsew – li ma rridux inkunu perfetti, irridu nkunu preżenti.
Huwa messaġġ ta’ kuraġġ għal kull ġenitur li qed iħossu mgħaffeġ bejn responsabbiltajiet u emozzjonijiet. Messaġġ li jgħid li m’intix waħdek. Li l-għeja ma tagħmlekx ħażin. U li “ngħożż illum mingħajr ma nkun iebsa wisq miegħi nnifsi” forsi hija l-akbar lezzjoni ta’ kuljum.
Agħfsu HAWN biex taraw il-filmat li tellgħat!
Facebook / Graziella Bartolo Pizzuto