Ċans Mill-Aqwa Li Żżur U Tapprezza L-Ġmiel Li Għandha X'Toffri Villa Portelli Fi Tmiem Il-Ġimgħa!

Jekk tħares fuq il-lemin tiegħek int u tiela’ t-telgħa li mix-Xatt tal-Kalkara tieħdok lejn Bighi, tilmaħ villa antika, imdawra bil-ġonna, li issa ilha siekta mhux ħażin iżda li se tiftaħ il-bibien tagħha u tirrakkonta ġrajjietha nhar is-Sibt 14 u l-Ħadd 15 ta’ Ottubru. Ċans uniku biex tiskopri aktar dwar din il-villa li ilha magħluqa għal diversi snin. 

Fatt interessanti mmens hu li Villa Portelli aktarx inbniet fi żmien il-ħakma Franċiża (1798 -1800) u kienet il-proprjetà tan-negozjant Agostino Portelli, li kien jużaha bħala post ta’ mistrieħ matul is-sajf. Matul is-snin din il-villa serviet bħala r-residenza kemm tal-Malta Flag Officer kif ukoll tal-Kap Kmandant tal-flotta Ingliża fil-Mediterran. L-aħħar resident tagħha kien Rear Admiral O.N.A. Cecil, li għex f’Villa Portelli sal-1979, is-sena li fiha l-qawwiet Ingliżi telqu minn Malta, u l-proprjetà mbagħad għaddiet f’idejn il-Gvern Malti.

Ritratt: James Licari, Heritage Malta

Fil-weekend tal-14 u l-15 ta’ Ottubru, inti se tkun tista’ tesperjenza l-istejjer ta' din il-villa billi tieħu sehem fl-Open Weekend li Heritage Malta qed torganizza. Permezz ta’ taħditiet minn espert tal-istorja moderna Maltija se tiskorpi aktar dwarha, u se ssib jistennewk ukoll bosta attivitajiet ta’ divertiment u tagħlim għall-familja kollha.

Ritratt: James Licari, Heritage Malta

Fost oħrajn, se jkun hemm:

  • it-taqsimiet ta' Heritage Malta li jieħdu ħsieb id-Diġitizzazzjoni u l-Wirt Kulturali ta’ Qiegħ il-Baħar, biex jeħduk fuq vjaġġ virtwali li matulu tistħajjel li b’mod maġiku tirt minn Villa Portelli u qed tiskopri l-istorja ta’ siti oħra fil-Gżejjer Maltin.
  • il-konservaturi ta’ Heritage Malta se joffrulek opportunità rari biex tarahom jaħdmu fuq artefatti fdati f’idejhom. 
  • ħa tara l-bizzilla tinħadem quddiem għajnejk u tista' wkoll toħloq ftit bizzilla inti stess taħt gwida esperta.

Ritratt: James Licari, Heritage Malta

Se tkun tista’ tqatta’ ftit ħin għall-kwiet fil-ġonna tal-villa, u anke tista' tnaqqar xi ħaġa mill-kafetterija li se tintrama apposta. Tista' tittawwal fil-ħanut tas-souvenirs mnejn se tkun tista’ takkwista oġġetti ħelwin li jibqgħulek tifkira ta’ dan il-weekend speċjali.

L-Open Weekend se joffrilek ukoll l-opportunità ta' one-stop-shop għall-Passaport ta' Heritage Malta għall-Istudenti u l-Anzjani. Dan minbarra offerti speċjali biex tesperjenza s-siti u l-mużewijiet fi ħdan Heritage Malta.

Ħa tkun tista' żżur il-Kamra tal-Memorji. X'ħa ssibu fiha?

Jekk għandek memorji personali ta' Villa Portelli, jew forsi kbirt tisma' r-rakkonti ta' qrabatek dwar il-villa, se ssibna b'widnejna miftuħin beraħ għax tassew nixtiquk taqsam tifkirietek magħna. 

Ritratt: James Licari, Heritage Malta

Żur Villa Portelli waqt l-Open Weekend li se jsir is-Sibt 14 u l-Ħadd 15 t’Ottubru, bejn l-10:00 u l-17:00, u r-rakkonta kulma tiftakar f’intervista qasira. Tista' wkoll iġġib miegħek oġġetti personali b’rabta ma' Villa Portelli, u tħalli f’idejn Heritage Malta biex jiddiġitizzawhom. Ħaġa waħda biss jitolbuk, jekk jogħġbok agħmel appuntament minn qabel billi tibgħat email fuq digitisation@gov.mt.

Sew jekk għandek l-istorja għal qalbek, sew jekk tħobb l-arti, u sew jekk sempliċiment tixtieq tinqata’ mir-rutina ta’ kuljum, il-weekend f’Villa Portelli se jolqot il-gosti tiegħek, ta’ ħbiebek u ta’ wliedek. 

Ritratt: James Licari, Heritage Malta

Barra dawn l-attivitajiet, wieħed jista' jattendi wkoll għal waħda minn dawn ġo Villa Portelli:

  • Tisimgħu l-quddies tal-Ħadd filgħdu fl-10:00
  • Wirt il-Kalkara qed jorganizzaw taħdidiet dwar il-Kalkara
  • Kadetti tal-baħar ħa jqassmu l-informazzjoni u l-esperjenza tagħhom.
  • Il-grupp tar-Regatta għandhom wirja bit-trofej u ħa jesebixxu d-dgħajsa tagħhom.
  • Project Green – ħa jkollhom stand armata biex ikomplu jxerrdu l-informazzjoni u jippromovu l-ambjent.



Ritratt: James Licari, Heritage Malta

Żewġ każini tal-banda u l-Kunsill Lokali tal-Kalkara se jieħdu sehem ukoll f’dan l-Open Weekend:

  • L-Għaqda Mużikali San Ġużepp, Kalkara (Ħomor) se jiftħu bejn l-10:00 u 17:00 fejn ħa jkunu qed jesebixxu affarijiet tal-festa, instrumenti, eċċ...
  • Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja, Kalkara (Blunu) se jiftħu bejn l-10:00 u 17:00 fejn ħa jkunu qed jesebixxu affarijiet tal-festa, instrumenti, affarijiet u ritratti ta' Villa Portelli
  • Il-Kunsill Lokali tal-Kalkara jgħaddu informazzjoni dwar is-servizz offruti mill-Kunsill Lokali u proġetti li saru fil-Kalkara. 

 Inħeġġukom tattendi għall-weekend divertenti għall-aħħar fejn ħa jkollkom iċ-ċans tiskopri aktar dwar il-wirt nazzjonali ta' pajjiżna. Għal aktar tagħrif, idħol hawn: https://heritagemalta.mt/whats-on/villa-portelli-open-weekend/

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI