Rondi Tul Il-Lejl Fis-Swieqi U Pembroke Biex Tissaħħaħ Is-Sigurtà – Il-Ministru Glen Bedingfield Iħabbar Dan

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield żar l-uffiċċju tal-Community Policing ta’ Swieqi u Pembroke, fejn enfasizza l-importanza tal-ordni u l-paċi pubblika jiġu rispettati f’kull ħin. Huwa spjega li proprju għal dan il-għan, f’dawn il-lokalitajiet qed isiru rondi matul il-lejl kollu.

Il-kunċett tal-Community Policing tnieda għall-ewwel darba fl-2019 fil-Mellieħa bħala parti minn riforma usa tal-Korp tal-Pulizija. Sena wara, Swieqi u Pembroke kienu fost l-ewwel lokalitajiet li bbenefikaw minn dan il-mudell ġdid ta’ pulizija aktar qrib il-komunità.

Minħabba ż-żieda fl-attività turistika, partikolarment bejn Mejju u Settembru, il-Community Police ta’ Swieqi introduċew rondi matul il-lejl b’enfasi fuq żoni meqjusa bħala hotspots. L-għan hu li tinżamm l-ordni pubblika u tingħata aktar serħan il-moħħ lir-residenti.

Wieħed mill-aspetti ewlenin tas-servizz jibqa’ l-komunikazzjoni diretta mal-komunità. Għalhekk, it-tim tal-Community Police juża diversi mezzi ta’ komunikazzjoni, fosthom paġna dedikata fuq Facebook u WhatsApp channel fejn ir-residenti jistgħu jgħaddu l-ilmenti u t-tħassib tagħhom direttament lill-uffiċjali.



Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru Bedingfield irringrazzja lill-uffiċjali għad-dedikazzjoni tagħhom u qal li dan is-servizz intlaqa’ tajjeb ħafna mir-residenti, li issa għandhom kuntatt aktar dirett mal-pulizija fil-lokalità tagħhom.

Illum hemm madwar 170 uffiċjal tal-Community Police madwar Malta u Għawdex, li jaħdmu kontinwament mar-residenti u jorganizzaw laqgħat regolari biex jiġu indirizzati sfidi u prijoritajiet lokali.

Il-Korp tal-Pulizija ħabbar ukoll li matul ix-xhur li ġejjin se jkompli jsaħħaħ ir-riżorsi tiegħu permezz ta’ rekluti ġodda li se jingħaqdu mal-Korp f’Lulju.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI