Din is-sena ser naraw edizzjoni straordinarja tal-Karnival – b’mod differenti mis-soltu, iżda xorta waħda ħa tkun divertenti u nistgħu ngħidu li ħa tilħaq diversi nies li forsi ssoltu ma jkollhomx iċ-ċans li jgawdu l-karnival tradizzjonali Malti. Id-dati li fih ħa jsiru dawn l-avvenimenti huma bejn it-12 u s-16 ta’ Frar.

Il-Karnival huwa tradizzjoni Maltija li tmur lura għal ħafna ġenerazzjonijiet, proprju minn żmien il-Kavallieri – Il-Karnival huwa żmien ta’ ferħ li jgħinna ninsew ftit mill-għawġ li ġabet magħha din il-pandemija u naħarbu f’dinja karnivaleska. Dinja ta’ kuluri. B’hekk biex din it-tradizzjoni hekk importanti fil-wirt kulutrali tagħna tiġi ppriżervata, Festivals Malta ħareġ b’numru ta’ inizjattivi biex il-Karnival jiġi ridimenzjonat biex jirrispetta r-restrizzjonijiet tal-pandemija, ħalli jiġi mfakkar b’mod sikur.
Dawn l-attivitajiet kollha ġew pjanati bir-reqqa, b’attenzjoni serja lejn il-linji gwida maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa, u b’mod li jevita l-follol tan-nies ġeneralment abbinati mal-karnival.
Allura x’hemm pjanat eżatt?
Fil-Belt Valletta wieħed ser ikun jista’ jgawdi minn stallazzjonijiet statiċi li ser jieħdu post il-karrijiet tradizzjonali. Dawn ser ikunu stazzjonati f’diversi pjazez madwar il-Belt, speċifikament f’Misraħ il-Ħelsien, Misraħ l-Assedju l-Kbir u Pjazza San Ġorġ. L-għan ta’ dawn l-istallazzjonijiet huwa li n-nies li jżuru jew jaħdmu l-Belt ikunu jistgħu jgawdu l-ispirtu tal-karnival waqt li għaddejjin bir-rutina ta’ kuljum.

Għalkemm l-istallazzjonijiet ġew iddisinjati u maħduma mill-parteċipanti tal-karnival, Festivals Malta kkolabora mal-illustrattur lokali Eric Leone għar-riproduzzjoni tal-isketches tal-parteċipanti, bil-għan li jgħola l-livell tal-Karnival Malti.
Wieħed ħa jkun jista’ jara wkoll stallazzjonijiet f’toroq madwar Malta bil-għan li l-ispirtu tal-karnival jixxerred ma’ Malta kollha. B’differenza minn snin passati, Festivals Malta kkollabora ma’ ż-żagħżagħ gradwati fl-arti diġitali Amber Seychell, Eric Leone u Lisa M Kaehler li ddiżinjaw l-istallazzjonijiet kompletament huma, bil-ħsieb li jqajmu kuxjenza fuq temi kurrenti.

Dawn l-istallazjonijiet imbagħad ser jiġu maħduma mill-parteċipanti skont il-viżjoni tal-artist. Wieħed jista’ jgawdi dawn l-installazzjonijiet fil-postijiet t’hawn taħt:
- Ħamrun
- Fir-Roundabout ta’ Ħal Qormi (Tal-Imgħallaq)
- Triq Sant’Andrija (fejn l-ex-Forum Hotel), Swieqi
- Fid-daħla principali tal-Isptar Mater Dei, Msida
- Fir-Roundabout ta’ Triq Aldo Moro, il-Marsa
- Fil-Pjazza tar-Raħal Ġdid
Ħa ssir ukoll esebizzjoni tal-kostumi tal-karnival ġo Spazju Kreattiv, li tniediet waqt il-konferenza stampa nhar il-ġimgħa li għaddiet, u li ser tibqa’ miftuħa sas-7 ta’ Marzu. Din l-esebizzjoni turi x-xogħol bir-reqqa li jieħdu l-parteċipanti huma u joħolqu l-kostumi tal-karnival. Ta’ min jgħid li din hija l-ewwel darba li dawn il-kostumi jistgħu jiġu apprezzati daqshekk mill-viċin. L-esebizzjoni qed tittella’ minn Festivals Malta b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv.
Aktar informazzjoni fuq is-sit elettronku ta’ Festivals Malta HAWN u fuq il-paġna ta’ Facebook tagħhom li tistgħu taċċessaw HAWN.