Il-kantanta Maltija Audrey Schembri ġiet onorata bl-Award of Excellence waqt l-Angel Voice Festival li sar f’Budva, il-Montenegro, bejn l-1 u t-3 ta’ Ġunju. Schembri kienet mistiedna bħala waħda minn 21 “Premium Stars” internazzjonali u rrappreżentat lil Malta bħala ambaxxatriċi uffiċjali tal-festival. Dan kien pass importanti fil-karriera tagħha, wara li diġà rrappreżentat lil Malta 17-il darba f’12-il pajjiż differenti.

Matul il-festival, Audrey serviet ukoll bħala membru tal-ġurija internazzjonali u tat diversi wirjiet mużikali. Waħda mill-esperjenzi li l-aktar spikkat kienet id-debutt tagħha bħala ġurata fil-kategorija “New Song”. Hija rringrazzjat lill-organizzaturi tal-festival, lit-tim tagħha f’La Voix Studios immexxi minn Gillian Attard, kif ukoll lis-segwaċi tagħha għall-appoġġ kontinwu tagħhom.
“Dan il-premju huwa tagħkom daqs kemm huwa tiegħi,” qalet il-kantanta ċkejkna.